Introduzzjoni
It-Taqsima għall-Iżvilupp u l-Istrateġija tal-Films Domestiċi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti f’Ottubru li ġej se torganizza workshops dwar l-Iżvilupp tal-Udjenzi. F’dawn il-workshops, sitt kumpaniji magħżula se jieħdu sehem f’workshops fi gruppi intensivi u se jaħdmu fuq proġett ta’ tul ta’ film tal-għażla tagħhom flimkien ma’ żewġ timijiet ta’ films oħrajn. Il-workshops se jitmexxew minn Síle Culley li hi konsulenta magħrufa fl-iżvilupp tal-udjenzi u li appoġġat l-iżvilupp ta’ mijiet ta’ films.
X’inhu l-Iżvilupp tal-Udjenzi?
L-Iżvilupp tal-Udjenzi huwa l-proċess fejn jiġu identifikati udjenzi potenzjali kif ukoll l-attrazzjoni ta’ proġett hekk kif dan jimxi mill-iskritt għall-iskrin. Jgħin biex jirfina l-approċċ kreattiv tad-Direttur, isaħħaħ il-pożizzjonament u l-oriġinalità tal-proġett fis-suq, u jassigura lill-partijiet li se jiffinanzjaw il-proġett u lill-partijiet ikkonċernati li l-utent finali ngħata kunsiderazzjoni wkoll. L-Iżvilupp tal-Udjenzi jqis l-empatija u modi kif jista’ jkun hemm iktar interazzjoni mal-udjenzi, x’jista’ jiġi żviluppat waqt il-produzzjoni biex din l-interazzjoni sseħħ, kif ukoll sħubiji li jistgħu jippromwovu l-ilħuq tal-proġett.
L-għanijiet ta’ dawn il-workshops huma li t-tim ikollu punt fokali u strateġija li jista’ jibbaża x-xogħol tiegħu fuqhom, li jinkoraġixxi msieħba iktar adattati għall-proġett u li l-parteċipanti jiksbu iżjed kunfidenza dwar kif jitkellmu dwar l-udjenzi fil-mira.
Dwar l-Iżviluppatriċi tal-Udjenzi
Dawn il-workshops se jitmexxew minn Síle Culley, konsulenta magħrufa madwar id-dinja għall-Iżvilupp tal-Udjenzi u li taħdem kemm ma’ produtturi indipendenti kif ukoll ma’ kumpaniji stabbiliti tal-produzzjoni fl-Ewropa, fl-Awstralja u fl-Amerka Latina.
Ix-xogħol ta’ Síle kkontribwixxa għal wirjiet għall-ewwel darba ta’ films f’festivals internazzjonali, ftehimiet ta’ bejgħ internazzjonali, rilaxxi teatrali, u miljuni f’finanzjament allokati minn korpi li jinkludu Eurimages, Creative Europe u finanzjarji nazzjonali. Tagħti pariri wkoll lil aġenziji tal-iskrin dwar approċċi ffukati fuq l-udjenzi, fosthom Film i Väst, Nederlands Filmfonds u l-Estonian Film Institute, u hija msieħba ewlenija ta’ Screen Australia u TorinoFilmLab.
Hija d-Direttriċi ta’ The Audience Design Lab fl-Istitut Internazzjonali tal-Iskrin fi Vjenna, hija espert tal-industrija ma’ Eurimages u Screen Ireland, u membru tal-Akkademija tal-Films Ewropej.
Dettalji dwar il-Workshop
Tliet timijiet tal-films flimkien se jaħdmu bil-kaxxa tal-għodda tal-Iżvilupp tal-Udjenzi filwaqt li se jkunu ggwidati minn Síle fuq perjodu intensiv ta’ jumejn. L-eżerċizzji u l-mistoqsijiet huma maħsuba biex jgħinu lil kull tim jiskopri f’iktar dettall dak li qed jaħdmu fuqu u jiksbu iktar ċarezza dwar liem udjenzi se jogħġobhom il-proġett (jew jobogħduh).
Il-kaxxa tal-għodda tista’ tinkludi:
- Analiżi kritika tal-proġett, inkluż SWOT
- Kif wieħed jidentifika u jagħraf il-USP (B2B + B2C)
- Kif wieħed jiddefinixxi l-aspett ewlieni tal-istorja permezz ta’ temi + analiżi tal-emozzjonijiet
- Xogħol ta’ clustering tal-udjenzi + il-formazzjoni ta’ persunaġġi u kif wieħed jista’ jappella għalihom
- Sfidi ta’ ġabra u formazzjoni ta’ ideat sabiex ikun hemm mod ta’ ħsieb differenti u possibbiltajiet ġodda.
Dawn il-workshops huma miftuħa għal kumpaniji ta’ produzzjoni Maltin li bħalissa qed jaħdmu biex jiżviluppaw proġett ta’ tul ta’ film.
Għandhom jieħdu sehem il-Produttur u d-Direttur ta’ kull kumpanija li tintgħażel, u jekk jixtiequ, jista’ jieħu sehem ukoll membru ieħor tat-tim (bħall-kittieb, l-eżekuttiv tal-iżvilupp, jew il-koproduttur).
Kull tim se jaħdem fuq proġett wieħed ta’ tul ta’ film tul il-jumejn tal-workshop.
Il-workshops se jsiru f’wieħed minn dawn is-settijiet ta’ dati u l-parteċipanti jridu jkunu preżenti huma stess:
- Sessjoni 1: is-6 u s-7 ta’ Ottubru 2026
jew - Sessjoni 2: it-8 u d-9 ta’ Ottubru 2026
Il-parteċipanti huma meħtieġa jattendu fiż-żewġ dati tas-sessjoni magħżula tul il-jumejn kollha. L-applikanti għandhom jindikaw is-sessjoni li jippreferu li jattendu (Sessjoni 1 jew Sessjoni 2). Id-dati preferuti sottomessi mit-timijiet aċċettati se jitqiesu waqt il-proċess tal-iskedar. Filwaqt li l-organizzaturi se jagħmlu kull sforz raġonevoli biex jakkomodaw dawn il-preferenzi, ma tista’ ssir l-ebda garanzija dwar l-allokazzjoni finali tad-dati. Għalhekk, l-applikanti huma ġentilment mitluba biex iżommu ż-żewġ settijiet ta’ dati disponibbli sa mal-iskedi finali jiġu kkonfermati mill-organizzaturi.
Il-Kriterji u Linji Gwida
- Il-kumpaniji ta’ produzzjoni biss jistgħu jissottomettu l-applikazzjonijiet. Applikazzjonijiet mill-kittieb/ id-diretturi nfishom mhux se jkunu aċċettati.
- L-applikanti jridu jkunu rċevew finanzjament għall-Iżvilupp fl-2024 / 2025
- L-applikanti jridu japplikaw bi proġett li hu maħsub għas-suq lokali jew għal koproduzzjoni. Mhux se jitqiesu proġetti għall-produzzjoni ta’ servizzi.
- L-applikanti jridu jikkonfermaw li tal-inqas, il-Produttur u d-Direttur tal-proġett se jipparteċipaw fil-workshop.
- Jista’ jipparteċipa wkoll it-tielet membru tat-tim, bħall-kittieb jew eżekuttiv tal-iżvilupp jew il-koproduttur, iżda l-limitu ta’ parteċipanti huwa ta’ tliet persuni.
- L-applikanti jridu jkunu disponibbli l-ġurnata kollha f’dawn il-jiem: is-6 u s-7 ta’ Ottubru, jew it-8 u d-9 ta’ Ottubru. It-timijiet tal-films li mhumiex disponibbli fiż-żewġ dati ma jistgħux jieħdu sehem fil-workshop.
Kif tapplika
Fl-applikazzjonijiet tagħhom, l-applikanti jridu jipprovdu:
- Il-pitch deck għall-film magħżul tagħhom, li jrid jinkludi d-dikjarazzjoni tal-produttur, id-dikjarazzjoni tal-kittieb/direttur.
- It-trattament tal-istorja, li ma jridx jaqbeż l-10 paġni (A4).
- Pitch b’vidjow bl-Ingliż, li jrid jinkludi introduzzjoni tat-tim u l-motivazzjoni tagħhom biex jattendu, li m’għandux ikun itwal minn 5 minuti. (Link ta’ Vimeo u YouTube huwa aċċettat).
L-applikanti jridu jibagħtu d-dokumentazzjoni/links kollha meħtieġa permezz ta’ email fuq [email protected] sa nhar it-Tnejn 10 ta’ Awwissu 2026. Se jintbagħtu konfermi ta’ aċċettazzjoni jew b’mod ieħor fil-ġimgħa li tibda s-7 ta’ Settembru 2026.